top of page

‘Stajna Konna Aħna’ hija l-kanzunetta rebbieħa ta’ Mużika Mużika

Writer: Mużika MużikaMużika Mużika

Il-Ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika waslet fi tmiemha, bi tlett iljieli li offrew spettaklu tal-ogħla livell u ċelebrazzjoni tal-kanzunetta Maltija. 


Ritratt: Lorella Castillo
Ritratt: Lorella Castillo

Stajna Konna Aħna ġiet interpretata mill-kantant Jamie Cardona, fuq kliem ta’ Jamie Cardona u Aleandro Spiteri Monsigneur u mużika ta’ Jamie Cardona, Aleandro Spiteri Monsigneur u Shaun Farrugia. Fit-tieni post, ġiet klassifikata l-kanzunetta Tiegħek Jien, b’interpretazzjoni ta’ Brooke, mużika ta’ Cyprian Cassar u Brooke u lirika ta’ Emil Calleja Bayliss, filwaqt li fit-tielet post telgħet il-kanzunetta Perfett b’interpretazzjoni, mużika u kliem ta’ Pamela stess. Ġew ippremjati wkoll Lisa Gauci għall-aqwa interpretazzjoni tal-kanzunetta Aħjar u l-Maestro Ryan Paul Abela għall-aqwa arranġament mużikali tal-kanzunetta Aħjar, mill-ġurija esperta tas-serata finali. 


Din is-sena, il-festival neħħa l-fażi eliminatorja tal-ewwel serata biex kull kantant jingħata l-opportunità li jagħti żewġ prestazzjonijiet tal-kanzunetta tiegħu. 

Ġie adottat ukoll Il-Vot tas-Sala permezz ta’ app li kienet esklussiva għall-membri tal-udjenza li attendew fis-sala għas-serata tal-Ħamis. 

Il-voti miġbura minn din l-app, ġew magħduda mat-televoting tas-serata finali fejn permezz tal-vot totali tħabbret il-kanzunetta rebbieħa.

 

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici qal: “Mużika Mużika żgur li stabbilixxa ruħu bħala wieħed mill-akbar festivals tal-kanzunetta Maltija, u l-fatt li f’ħames snin diġà ġew sottomessi aktar minn 750 applikazzjoni juri kemm hemm talent u entużjażmu għal mużika bil-Malti.” Huwa rringrazzja lill-artisti kollha tas-sehem tagħhom fil-festival filwaqt li awgura lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena. “Il-parteċipazzjoni qawwija tal-artisti u l-varjetà ta’ kanzunetti li naraw kull sena huma prova ta’ kemm dan il-festival qed jispira lil ħafna,” temm jgħid il-Ministru Bonnici waqt li saħaq li b’dan il-mod qed tiġi promossa l-lingwa tagħna l-Maltin bl-aqwa mod. 


Iċ-Chairman ta’ Festivals Malta, Aaron Zahra esprima r-ringrazzjamenti tiegħu lejn il-ħaddiema kollha ta’ Festivals Malta, li jaħdmu bla waqfien sabiex jittella’ dan l-ispettaklu. Hu kompla jgħid, “Nuri apprezzament kbir ukoll lejn il-kantanti, l-awturi u l-kompożituri ta’ din l-edizzjoni li kienu mill-aktar professjonali u nieħu l-opportunità sabiex nawgura lir-rebbieħa tal-edizzjoni ta’ din is-sena. Għal sena oħra, Mużika Mużika reġa’ laħaq u ssupera l-aspettativi ta’ kulħadd, u kburi li tul dawn is-snin l-ispettaklu li pprovdejna bħala Festivals Malta qiegħed dejjem jilħaq miri ġodda f’dak li huwa kwalità kif ukoll il-livell. Inħares ’il quddiem sabiex minn issa stess tibda l-ħidma għal Mużika Mużika 2026.”

 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta, Frans Agius, tkellem fuq l-impatt li qed iħalli dan il-festival fuq l-istorja mużikali ta’ pajjiżna, fejn sena wara sena joffri diversi kanzunetti tal-ogħla livell. “Kif rajna tajjeb tul dawn it-tliet serati, Mużika Mużika ta’ kull sena qiegħed iżid fil-livell mużikali tiegħu. Sena wara sena, permezz ta’ Mużika Mużika qed nippreżentaw diversi diski oriġinali bil-Malti li qed isiru parti mill-wirt artistiku ta’ pajjiżna. Kburi li bħala Festivals Malta qegħdin ninvestu kemm fl-artisti tagħna kif ukoll fil-legat mużikali tagħna u ħerqan biex inkomplu naħdmu biex dan il-festival jkompli jittejjeb u jissaħħaħ tul is-snin.” 

 

Raymond Bugeja, iċ-Chairman ta’ Mużika Mużika qal, “Nawgura lill-kantanti kollha li ħadu sehem għall-ħames edizzjoni ta’ Mużika Mużika, speċjalment lil dawk rebbieħa. Il-livell qiegħed dejjem jiżdied u kif dejjem nisħaq, l-għan ta’ Mużika Mużika qiegħed dejjem jintlaħaq u jiġi ssuperat: li l-mużika Maltija nagħtuha l-pjattaforma mistħoqqa.”

 

Paul Abela, id-Direttur Artistiku ta’ Mużika Mużika kkonkluda, “Filwaqt li nawgura lir-rebbieħa ta’ Mużika Mużika nfakkar li għalkemm fl-aħħar minn l-aħħar Mużika Mużika huwa kompetizzjoni u dejjem irid irebbaħ kanzunetta waħda, nemmen li kull kanzunetta finalista hija unika bil-mod tagħha. Kellna kanzunetti ta’ standard għoli ħafna u ħerqan biex nara dan il-festival ikompli jikber u jsaħħaħ il-legat mużikali tiegħu.”

 

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali flimkien ma’ Festivals Malta u l-bord ta’ Mużika Mużika, jirringrazzjaw lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor kienu involuti waqt Mużika Mużika u jesprimu l-gratitudni tagħhom lejn il-pubbliku li ta’ kull sena jsegwi dan il-festival bi ħġaru.

 

Mużika Mużika jirritorna bejn id-19 u l-21 ta’ Marzu 2026. 

 

Il-Kanzunetti rebbieħa huma:

L-EWWEL POST:

Kanzunetta: Stajna Konna Aħna

Kantant: Jamie Cardona

Kompożituri: Jamie Cardona, Aleandro Spiteri Monsigneur u Shaun Farrugia

Awtur: Jamie Cardona u Aleandro Spiteri Monsigneur

Premju Monetarju*: €20,000

 

IT-TIENI POST:

Kanzunetta: Tiegħek Jien

Kantanta: Brooke

Kompożituri: Cyprian Cassar u Brooke Borg

Awtur: Emil Calleja Bayliss

Premju Monetarju*: €10,000

 

IT-TIELET POST:

Kanzunetta: Perfett

Kantanta: Pamela Bezzina

Kompożitriċi: Pamela Bezzina

Awtriċi: Pamela Bezzina

Premju Monetarju*: €5,000

 

L-AĦJAR ARRANĠAMENT MUŻIKALI:

Kanzunetta: Aħjar

Arranġament: Ryan Paul Abela

 

L-AĦJAR INTERPRETAZZJONI:

Kanzunetta: Aħjar

Kantanta:  Lisa Gauci

Kompożitur: Philip Vella

Awtur: Emil Calleja Bayliss

 

*Il-premjijiet monetarji ser jiġu ppreżentati f’ċerimonja separata.



Ritratti: Darren Agius u Lorella Castillo

Comentarios


bottom of page